
Bilqiegħda qalb ħaxix iswed (Trad. Clare Azzopardi)
1
Illejla, bilqiegħda qalb ħaxix iswed
Bejn bewsa u oħra
Inħarsu lejn ħutna, l-istilel
Għajnejna f’ta’ xulxin
It-tfal għadhom jilagħbu fin-nixxiegħa
Iċ-ċagħaq jaqa’ bla ħoss mis-sema
Ġentili, fuq ġisimna għajjien
Il-meteoriti jgħaddu minn ħwejġek
Ħanini
Idejk bħall-alka
Sidrek il-ħut
Mewġa, Oċean
Ħares il-mejtin tiegħek
Tina l-istejjer tiegħek
Tat-tħaddin, ta’ frott il-baħar
Tista’ qatt ma tieqaf tkun is-sajf
2
Ħanini, ħanini
Qalbi tħabbat daqs reattur nukleari
Il-qoxra tad-dinja
Il-qoxra tal-kliem
Lava ta’ kliem inixxi
L-għaraq tal-bniedem iqattar
Fix-xmajjar, fl-ibħra, fl-irjieħ, fit-tajn
Arterji u vini leqqiena
Taħraq ix-xemx
Tiġi kuljum biex tħaffirli ftit iktar ’il ġildti
Għaraq
Għaraq!
Il-weraq tas-siġar
U l-ibħra tal-plastik
L-għaraq tal-bniedem!
l-injam, il-qoxra, il-qalba
L-għaraq tal-bniedem!
Ma nħaqqaqhiex iżjed
Ma niċċaqlaqx
Nistenna t-tgħanniqa tal-iskald
Il-vojt qalb is-saffi,
Il-vojt qalb l-iġsma,
Il-kliem inixxi bil-mod
L-art timtedd bil-ħlewwa
Għall-bewsa uranika
tal-impjanti nukleari
Żegħiltek tippentra ’l ġildti
Idejk jaħtfu lil għadmi
Irwieħna radjoattivi
Jaħarqu
Jaħarqu
Sinjali
Bċejjeċ
Fissjoni
Ftuq
Ġildti taqa’ ħdejn saqajk
Jien għarwien
Jien għarwien b’mod li qatt ma kont
3
Tikwi l-art t’Awwissu
Jien hawn imma mhux hawn
Nistħajjel il-ġranet
Nistħajjel l-iljieli
Fejn se tkun qalb tgħanniqa w’oħra?
Fietla, fietla
Tikwi, tikwi
l-art t’Awwissu!